Ma hemm l-ebda ksur ta’ Regolamanti mill-Banek Maltin

Tweġibiet mill-Malta Bankers’ Association għal gazzetta Orizzont li ġew ippublikati f’artiklu ta’ Matthew Charles Zammit imsemmi “Ma hemm l-ebda Ksur ta’ Regolamenti mill-Banek Maltin” fil 22 ta’ Frar 2019.

 

  • Fid-diskors tiegħu matul il-ġurnata tal-bieraħ [31 ta’ Jannar 2019], il-Prim Ministru saħaq li Malta għandha bżonn iktar banek biex jagħtu servizz lill-ekonomija tagħna.” Fl-istess ħin, huwa kkritika lil uħud mill-banek Maltin “li jiddeċiedu minn rajhom li ma jiftħux, jew idewmu milli jiftħu, kontijiet ta’ persuni jew intrapriżi leġittimi, ħaġa li tmur kontra r-regoli tal-UE.

 

a) Bħala Assoċjazzjoni, kif tirrispondu għal din il-kritika? Temmnu li uħud mill-banek jistgħu jiffaċilitaw il-proċess tal-ftuħ ta’ kontijiet bankarji?

 

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera (MBA) tixtieq tagħti l-fehmiet tagħha dwar il-kritika li saret u li għadha ssir lill-banek b’rabta mal-ftuħ tal-kontijiet bankarji. Ir-regolamenti tal-UE jipprovdu d-dritt li individwu jiftaħ kont ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi, u issa li l-awtoritajiet relevanti kkjarifikaw ċerti rekwiżiti li huma mistennija fl-operat ta’ dan it-tip ta’ kont, il-banek membri tal-Assoċjazzjoni qed jimxu magħhom b’mod attiv. Madankollu l-Assoċjazzjoni tagħmel referenza għal dak li kkomunikat diġà, għall-fatt li d-dmir ta’ bank li jiftaħ kont ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi għal individwu hu marbut ukoll b’obbligi għall-klijenti. Dan ifisser li l-bank għandu jifhem sewwa x’tip ta’ relazzjoni jkun hemm u jkollu għarfien tas-sors tal-fondi. Ir-rekwiżiti għad-diliġenza dovuta tal-klijenti u għall-moniteraġġ tal-kont huma prinċipju bażiku tar-regolamenti internazzjonali u lokali, irrispettivament min-nazzjonalità tal-klijenti. Għalhekk, l-Assoċjazzjoni tenfasizza li l-banek bl-ebda mod mhuma jiksru r-regoli tal-UE. Barra minn hekk, filwaqt li l-Assoċjazzjoni ma tistax tikkummenta fuq iċ-ċirkostanzi applikabbli, profili speċifiċi ta’ riskju jew fuq proċeduri adottati minn xi banek, tifhem li l-5 banek membri tagħha li joffru kontijiet ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi qed jevalwaw numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal kontijiet ta’ din ix-xorta bi proċess diliġenti li hu konformi mar-rekwiżiti regolatorji u mal-obbligi prudenti meħtieġa.

 

b) L-MBA hija konxja ta’ xi każi fejn kien hemm tali persuni jew negozji, Maltin jew barranin, li sabu problema biex jiftħu kont bankarju f’pajjiżna?

 

L-Assoċjazzjoni konxja li kien hemm applikazzjonijiet minn individwi li xtaqu jiftħu kont ta’ pagament b’karatteristiċi bażiċi li ma ġewx milqugħa. Fl-istess waqt, tajjeb inżommu f’moħħna li whud minn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, xorta waħda kienu se jiġu rrifjutati mill-proċess ta’ diliġenza. Madankollu, l-Assoċjazzjoni ma tistax teskludi li seta’ kien hemm każi ġustifikati ta’ klijenti li lmentaw minħabba dewmien żejjed biex jinfetħilhom kont. Huwa fatt li n-numru kbir ta’ fatturi li qed jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-banek jiftħux kont jew le, qed iwassal għal sitwazzjoni kumplessa, tant li mhux faċli taqta’ linja għaċ-ċirkostanzi partikolari tal-każi individwali. L-MBA imma temmen li s-sitwazzjoni issa qed tistabilizza ruħha u li l-banek, f’konformità mal-mudell tan-negozju speċifiku tagħhom, skont ir-riskju li jkun hemm u li lesti jiehdu, u billi jimxu mad-dokumenti ta’ politika tal-klijenti u mal-kriterji u r-rekwiżiti regolatorji relevanti, qed joperaw b’mod normali f’dan il-qasam tan-negozju tagħhom.

 

ċ) Il-PM saħaq li l-banek “ma jistgħux jibqgħu kaxxi tad-depożitu, iżda jridu jkunu magni tat-tkabbir.” Bħala Assoċjazzjoni, temmnu li l-banek Maltin qegħdin iwettqu l-almu tagħhom fir-rigward ta’ self u għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi barranin? U x’qiegħed isir biex din il-faċilita tkompli tissaħħaħ?

 

L-Assoċjazzjoni temmen li l-kritika li saret f’dan ir-rigward ma tirriflettix ir-realtà tar-rwol li kellhom il-banek storikament, u li għad għandhom fl-iżvilupp tal-ekonomija lokali. L-MBA kull sena toħroġ ir-rapport tagħha dwar il-Kontribut tal-Banek lill-Ekonomija Lokali u fih tipprovdi tagħrif, fost l-oħrajn, fuq is-self u l-ħlasijiet bil-quddiem lill-klijenti, fuq l-impjiegi tal-banek u l-pagi mħallsa lill-impjegati tagħhom, fuq id-dividendi mogħtija lill-azzjonisti, u dwar il-kontribuzzjonijiet tat-taxxa mħallsa lill-Gvern. Jekk inqisu dawn l-istqarrijiet u pubblikazzjonijiet oħra, bħar-Rapporti tal-Istabilità Finanzjarja li joħroġ il-Bank Ċentrali ta’ Malta, naraw li, bla dubju, bil-kontribut sinifikanti tagħhom, il-banek minn dejjem kienu muturi ewlenin għall-ekonomija lokali u għall-progress ekonomiku ta’ Malta. Biżżejjed insemmu li s-Self u l-Ħlasijiet bil-Quddiem tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu domestiċi ewlenin, li għandhom l-aktar rabtiet b’saħħithom mal-ekonomija domestika, laħqu madwar €10.6 biljuni sa tmiem l-2017. Il-ħruġ tal-bonds fil-Borża ta’ Malta matul l-2017 kien ta’ madwar €1.2 biljuni, u fl-2017 il-kapitalizzazzjoni tas-suq Malti tal-ekwità ammonta għal €4.3 biljuni (li madwar €2 biljuni minnhom huma mill-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwitajiet tal-banek imniżżla fil-Borża ta’ Malta). Għaldaqstant huwa ċar li l-kontribut tas-settur bankarju jkattar sew it-tkabbir ekonomiku u l-ġid lokali, ferm aktar minn dak miksub mis-suq lokali tal-kapital.

 

  • Intant, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri saħaq li uħud mill-banek “Ma jridu jieħdu riskju ta’ xejn, sempliċiment iridu jibbażaw fuq dak li huma jqisu bħala extra-sigur. Dan mhuwiex il-mod kif taħdem.” Fl-istess ħin, akkuża lill-banek li mhumiex qegħdin jiġbdu l-istess ħabel fejn tidħol l-introduzzjoni ta’ setturi finanzjarji ġodda.

 

a) Tħossu li din il-kritika hija ġusta? Jekk le, x’inhuma l-limitazzjonijiet li bank qiegħed jaffaċċja biex ikun iktar apert għall-għajnuna minn negozji barranin?

 

L-Assoċjazzjoni, u naturalment il-membri tagħha, jaħdmu regolarment mal-awtoritajiet regolatorji relevanti, u minn din il-ħidma konġunta dawn ta l-ahhar jkollhom għarfien tajjeb tal-ispejjeż li għandhom b’rabta mal-konformità, mhux biss mal-qafas regolatorju u prudenti bankarju, imma wkoll ma’ numru ta’ regolamenti ġenerali oħrajn relatati mat-taxxi, ir-rappurtaġġ, il-GDPR, l-istandards tal-kontabilità u l-FATCA, fost ħafna oħrajn. Dawn l-ispejjeż għolew b’mod drastiku meta tqis id-daqs tal-maġġoranza tal-attivitajiet tal-banek – b’mod partikolari f’Malta. Barra minn hekk, l-inċidenti li ġraw fl-aħħar snin li fihom kienu involuti l-banek liċenzjati f’Malta għollew ir-riskju u tefgħu l-qasam tas-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna f’dell ikrah. Dan il-fattur żied ukoll l-ispejjeż tal-bqija tan-negozju tas-settur bankarju lokali u wassal biex il-banek lokali jonfqu aktar fuq l-aspetti, sistemi u proceduri marbuta mar-riskji. Tajjeb ngħidu li fil-każ ta’ ċerti setturi ġodda għalkollox – u li għalissa għadhom mhumiex suġġetti għal regolamentazzjoni u rekwiżiti speċifiċi – hu mistenni li l-banek jaġixxu fl-interess tad-depożitaturi tagħhom billi jadottaw proċedura prudenti fil-konfront ta dawn is-setturi. B’imġiba prudenti m’aħniex infissru li ma jagħtux kas tal-varjazzjoni li jkun hemm fiċ-ċikli ekonomiċi. Filwaqt li l-ekonomija lokali fl-aħħar snin kienet qed tirreġistra tkabbir ekonomiku sod u kundizzjonijiet pożittivi għal iżjed żvilupp, il-banek konxji li xi prezzijiet tal-assi qed jinkisbu b’valuri storiċi għoljin. Il-banek m’għandhomx għażla għajr li jorbtu prezz mar-riskju u jaħsbu fid-diffikultajiet li jista’ jkun hemm jekk jinbidel iċ-ċiklu ekonomiku.

 

Tajjeb insemmu wkoll li l-awtoritajiet regolatorji kull tant żmien jistgħu jagħtu direzzjoni lill-banek fuq oqsma speċifiċi ta’ riskju biex dawn isegwuha ħalli ma jidħlux f’dawn ir-riskji.

 

Kulma jmur, ħafna min-negozju li qed jagħmlu l-banek lokali qed ikun influwenzat mill-istandards u r-rekwiżiti tal-banek internazzjonali korrispondenti tagħhom, li qed ikunu aktar stretti fis-servizzi li jipprovdu.

 

b) Schembri saħaq ukoll li numru ta’ nies qegħdin jistennew “ġimgħa u xhur biex jiftħu kont bankarju, meta fl-istess ħin jistgħu imorru pajjiż ieħor fi ħdan l-UE u jiftħu kont simili fi żmien ġimgħa.” L-Assoċjazzjoni hija konxja ta’ xi problema f’dan ir-rigward?

 

L-Assoċjazzjoni ttenni li l-proċess ta’ diliġenza għall-aċċettazzjoni ta’ klijenti ġodda huwa strett, marbut b’miżuri leġiżlattivi, suġġett għall-miżuri proċedurali tal-bank rispettiv biex jaċċetta klijenti ġodda, u marbut mal-mudelli tan-negozju tal-bank, u mal-livelli ta’ riskju li jkun lest jieħu. Għalhekk, jekk dan il-proċess isir kif mistenni – kif, wara kollox, għandu jsir dejjem – irridu napprezzaw li ma jistax isir kif ġieb u laħaq u fi ftit żmien. L-Assoċjazzjoni ma tistax tikkummenta fuq id-dewmien ta’ dan il-proċess f’banek ta’ pajjiżi oħrajn u lanqas, kif għedna qabel, fuq każi individwali. Fl-istess ħin, meta nqisu d-domanda qawwija li qed ikollhom il-banek lokali għall-ftuħ ta’ kontijiet u l-livell ta’ riżorsi disponibbli (inkluż fuq wara, jiġifieri fil-‘back-office’ u fil-funzjonijiet ta’ konformità marbuta mal-ftuħ tal-kontijiet), l-Assoċjazzjoni tifhem li l-perjodi taż-żmien jistgħu jiġu affettwati. Minħabba numru ta’ raġunijiet, b’mod partikolari minħabba l-evalwazzjoni tar-riskji u l-analiżi stretta tal-klijenti, l-Assoċjazzjoni nnutat li l-banek inevitabilment jintaqghu ma każi ta’ klijenti li, effettivament, ma jkunux jistgħu jiftħu kont magħhom.

 

ċ) Bħala Assoċjazzjoni, kif ukoll mill-aspett regolatorju, x’jista’ jsir?

 

L-Assoċjazzjoni tagħraf li l-iżviluppi regolatorji ġejjin l-aktar minn forzi esterni, li huma lil hinn mill-kuntest lokali, u tipproponi li regolarment jibqa’ jkun hemm djalogu bejnha u bejn l-entitajiet regolatorji u l-awtoritajiet lokali relevanti. L-Assoċjazzjoni hi tal-fehma li b’hekk ikollna stampa iżjed sħiħa tad-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-banek f’numru ta’ oqsma, u nkunu nistgħu ntaffu d-diversi ideat żbaljati li hawn fuq is-settur li, sfortunatament, jintqalu minn żmien għal żmien. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni se tibqa’ tistinka biex tidħol f’diskussjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ dawk li jirrappreżentaw l-interessi tal-prattikanti tal-industrija tas-servizzi finanzjarji.

Recommend
  • Facebook
  • Twitter
  • LinkedIN
  • Pinterest
Share
Tagged in